Bis-saħħa tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali ta’ l-1993, Pembroke kienet waħda mis-67 lokalitajiet li jkollha l-Kunsill Lokali tagħha. L-ewwel elezzjoni saret nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu 1994, fejn ikkontestaw tnax-il kandidat. Ħarġu jivvutaw 78.10% tal-popolazzjoni w ġew eletti Joseph Demicoli, Gerald V Bilocca w Joseph Żammit bħala Indipendenti; Mark Causon f’isem l-Alternattiva Demokratika w Ray Pace f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsilliera ħadu l-ġurament tal-ħatra nhar it-Tlieta 5 t’April 1994 għal perjodu ta’sentejn u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgħa 6 t’April 1994, Joseph Demicoli nħatar l-Ewwel Sindku.